Il-Koperattiva Rurali Manikata twaqqfet minn grupp ta’ bdiewa u residenti fl-inħawi tal-Manikata bil-għan li tħares l-ambjent, il-kultura u l-ekonomija rurali ta’ dawn l-inħawi. Biex tilħaq l-għanijiet tagħha, il-Koperattiva toffri servizz ta’ żjarat edukattivi għal studenti u adulti fl-għelieqi tal-membri tagħha fl-inħawi tal-Manikata u Għajn Tuffieħa. Hawnekk ikunu jistgħu itogħmu l-ħajja f’ambjent rurali fejn in-natura hija dejjem qribek. Dan huwa l-aħjar mod kif żgħar u kbar jistgħu jitgħallmu dwar is-sengħa tal-biedja u dwar in-natura: mhux biss billi jaqraw dwarhom fuq xi ktieb imma billi jesperjenzawhom b’mod dirett bis-sensi kollha tagħhom.
Żjara tipika tkun tinkludi dawn li ġejjin:
1. Żjara f’razzett żghir, fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jaraw u jitgħallmu fuq l-annimali, bħal nagħaġ, tiġieġ, papri u fniek, u min ikun jixtieq ikun jista’ ukoll jitmagħhom minn wara l-fence.
2. Il-viżitaturi jgħaddu minn ġo nofs ir-Razzett tal-Qasam, razzett komunitarju li sa madwar sebgħin sena ilu kienu joqogħdu fih ħafna mill-familji li wara bnew ir-raħal tal-Manikata tal-lum. Ir-razzett illum jinsab immaniġġjat mill-KRM Ltd. li bdiet il-proċess biex tirrestawrah fuq numru ta’ snin biex fih twaqqaf ċentru ta’ servizzi għall-bdiewa u għal dawk li jżuruna;
3. Żjara lil beach post (fortifikazzjoni żgħira) mibnija mill-awtoritajiet militari Ingliżi qrib l-1935 biex tiddefendi l-bajjiet ta’ Għajn Tuffieħa. Il-viżitaturi jinżlu fil-beach post u jieħdu impressjoni first hand ta’ kif kienu jħossuhom is-suldati li kienu jagħmlu l-għassa f’dan il-post bejn l-1935 u tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija;
4. Mixja fil-kampanja u qalb ix-xaghri fejn jaraw u jitgħallmu fuq siġar u pjanti indiġeni differenti, fosthom ħarrub, żebbuġ, żnuber, deru, sagħtar,bużbież u kappar;
5. Żjara fl-għelieqi. Il-mistednin tagħna jaraw mill-qrib il-mod kif inhuma armati d-dwieli u kif inhi armata s-sistema tat-tisqija. Iżuru wkoll għalqa fejn jitkabbar ħaxix u frott bħal tewm, basal, ħass u frawli;
6. Żjara lil żewġ oqbra ta’ żmien ir-Rumani. Min jixtieq jista’ jinżel f’wieħed minnhom minn taraġ żgħir. Dan ta’ l-aħħar kien jintuża bħala xelter fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll bħala miġbħa għan-naħal.
7. L-istudenti u tfal jingħataw qasrija żgħira kull wieħed bi ftit kompost u fiha jiżirgħu żrieragħ differenti bħal ful u piżelli. Wara joħduha magħhom biex iżommuha fil-klassi jew id-dar biex jaraw iż-żrieragħ jikbru;
8. Il-viżitaturi jingħataw ftit ħobż biż-żejt u kunserva, xi frott ta’ l-istaġun u ilma frisk. (F’każ ta’ gruppi ta’ adulti, dawn ikunu jistgħu jduqu inbid tal-koperattiva u ikel tipiku ieħor).
9. Min irid ikun jista’ jixtri prodotti tipici Maltin, magħmulin mill-bdiewa tal-Koperattiva, bħal għasel, ġulepp tal-ħarrub, basal tal-pikles, tadam imqadded, inbid u ġammijiet.
Dawn il-postijiet jinsabu qrib xulxin f’żona nieqsa mit-traffiku u ż-żjara tieħu madwar sagħtejn u nofs. Huwa rakkomandat li jintlibsu ħwejjeġ addattati għall-mixi, ngħidu aħna track suit u walking shoes. Il-viżitaturi huma mitluba wkoll li jilbsu ġakketta meta t-temp ikun xi ftit kiesaħ u jġibu umbrella fil-basket f’każ li tibda nieżla x-xita. F’każ ta’ temp sħun huma mitluba li jilbsu beritta u jagħmlu krema sun block.
L-istudenti u l-viżitaturi jiġu milqugħa minn persuna mħarrġa apposta. Fil-każ ta’ skejjel, l-animator tagħti materjal edukattiv lill-għalliema, b’tagħrif dwar il-postijiet li jkunu se jżuru, dwar ir-raħal żgħir rurali tal-Manikata u dwar il-koperattiva tagħna. L-animator tagħna tmexxi lill-istudenti jew lill-viżitaturi waqt il-mixja u tinvolvihom b’attivitajiet addattati għall-età tagħhom. Id-dixxiplina ta’ l-istudenti hija għal kollox f’idejn l-għalliema ta’ l-iskola li jkunu qed jakkumpanjaw it-tfal.
Il-prezz li jinkludi dan kollu huwa tà €3.50 għall-istudenti. Il-prezz għall-adulti jibda minn €6 u jiddependi mill-ikel li jkunu jixtiequ. Il-qligħ minn dan is-servizz imur b’risq ir-restawr tar-Razzett tal-Qasam. Tingħata irċevuta fiskali.
Fil-każ ta’ studenti, din l-attività hija mmirata għal studenti minn year 3 ’il fuq. Isiru arranġamenti speċjali għal studenti iżgħar fl-età, fejn jistgћu jiġu jżuru ir-razzett tal-annimali u wara jkollhom logћob addatat gћall-età tagћhom f’picnic area qrib tar-razzett. Jingћataw ikel u xorb ukoll. Skejjel sekondarji li jixtiequ jagħmlu fieldwork marbut ma’ suġġetti bħall-Ġografija, l-Istorja, il-Bioloġija, il-HomeEconomics u oħrajn u li jixtiequ li jorganizzaw attività ad hoc għall-ħtiġijiet tagħhom, jistgħu jikkuntattjawna biex nagħmlu l-arranġamenti meħtieġa. Fejn meħtieġ jista’ jsir arranġament biex l-istudenti jżuru serer bi ħxejjex differenti.
Idealment il-gruppi jkunu ta’ mhux anqas minn 25 u mhux aktar minn 50 persuna. F’każi eċċezzjonali, fejn ikun jidher ċar ħafna sa minn kmieni li matul il-jum se jinqala’ ħafna maltemp, il-Koperattiva żżomm id-dritt li biex tħares is-saħħa ta’ l-istudenti u tal-viżitaturi, tħassar iż-żjara u tinnotifika lill-iskola jew lill-organizzaturi sa mhux aktar tard mit-8.20am ta’ dak il-jum stess. Isiru arranġamenti wkoll għal gruppi organizzati ta’ adulti, ġenituri, għaqdiet, kunsilli lokali, turisti, u oħrajn simili. Dawn ikunu jistgħu jagħmlu arranġamenti dwar l-ikel li jkunu jixtiequ. Jekk dan kollu jinteressak inti ġentilment mitlub li tikkuntattja lil Veronica Farrugia, animator tal-proġett, billi ċċempel fuq 21581592/79393881 jew tibgħatilna email fuq info@manikatafarmers.com
Nittamaw li narawk.
|